News

Malta Community Chest Fund animated banner

ARTI KONTEMPORANJA FIL-PALAZZ TA’ SAN ANTON FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IL-MARA

(05 March 2010)

"Nawgura lin-nisa kollha li jirnexxilhom iwettqu dak li jemmnu fih u li jkomplu jaħdmu b’risq is-soċjetà" – Is-Sinjura Margaret Abela temmet hekk id-diskors tal-inawgurazzjoni ta’ esibizzjoni ta’ arti kontemporanja ta’ artisti nisa li qed tittella fil-Palazz ta’ San Anton bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.

Din l-esibizzjoni saret fuq inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Internazzjonali tal-Mara għal din is-sena u tinkludi x-xogħol ta’ 36 artista b’diversi temi u b’metodi li jvarjaw minn dak tal-watercolour u ż-żejt fuq it-tila sa dak ta’ xogħol bl-injam, fost l-oħarjn. Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa kellu rispons tajjeb ħafna u kienu ħafna l-artisti li bagħtu x-xogħlijiet tagħhom u għalhekk kellu jkun bord imwaqqaf apposta li jagħżel il-pitturi li kellhom jiġu esibiti sabiex joqgħodu fl-ispazju limitat. B’dispjaċir kbir, xi xogħlijiet kellhom jitħallew barra.

Waqt l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll is-Sinjura Grace Attard, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa li spjegat dwar il-ħidma fejjieda tal-Kunsill u irringrazzjat ukoll lil kull min ta’ sehemu f’din l-esibizzjoni.

Is-Sinjura Abela uriet l-apprezzament tagħha lill-artisti li kienu lesti wkoll li jagħmlu ġest sabiħ sabiex iferħu lil ħaddieħor dan għalhiex  25 fil-mija mill-bejgħ ta’ kull pittura tmur għall-Malta Community Chest Fund li tant għandha bżonn fondi biex tkompli tassisti aktar nies fil-bżonn.

L-esibizzjoni tiftaħ kuljum mill-1000 ta’ filgħodu sal-1600 u wieħed jista’ wkoll jara’ x-xogħol esibit fuq is-sit tal-Malta Community Chest Fund li huwa: www.maltacommunitychestfund.org