Il-President George Abela dalgħodu inawgura esibizzjoni ta’ pittura, skultura u oġġetti oħra li ser jiġu rkantati nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru 2009 fil-Palazz San Anton fit-tmienja ta’ filgħaxija. L-inawgurazzjoni saret dalgħodu fil-Berġa tal-Italja.
Waqt il-ftuħ ta’ din il-wirja, il-President Abela, li kien akkumpanjat minn Dr. Mario de Marco, Segretarju Parliamentari għat-Turiżmu, tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fir-Renju Unit din il-ġimgħa fejn flimkien mas-Sinjura Abela żar u ltaqa ma’ pazjenti Maltin rikoverati fl-Ingilterra kif ukoll mal-familjari tagħhom. Iddeskriva din l-esperjenza bħala waħda ta’ niket u ta’ ferħ għaliex filwaqt li ltaqa’ ma’ każijiet koroh ta’ tfal żgħar rikoverati u żgħażagħ bi problemi serji ta’ mard, iltaqa’ wkoll ma’ stejjer ta’ suċċess ta’ pazjenti li qed jirrispondu tajjeb għall-kura medika li qed tingħatalhom. Il-President qal li l-irkant b’risq il-Malta Community Chest Fund hija attività oħra li tista’ twassal sabiex dawn in-nies jgħixu ħajja aħjar, u appella lil dawk in-nies li għandhom interess fl-arti sabiex jipparteċipaw u jiftakru fl-għan nobbli ta’ dan l-irkant.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-President George Abela rringrazzja lill-artisti kollha li pparteċipaw u li taw fost l-aqwa xogħlijiet artistiċi tagħhom, lis-Sur Peter u Alaine Apap Bologna ta’ pittura li taw b’donazzjoni, kif ukoll lis-Sur Emmanuel Azzopardi, Victor Azzopardi Jewellers u Diamonds International li taw kontribuzzjoni f’oġġetti ta’ valur li ser ikunu wkoll irkantati. Il-President irringrazzja lil dawk l-artisti kollha li xtaqu jipparteċipaw iżda li sfortunatament ma setgħux ikunu inklużi minħabba l-ħin limitat tal-irkant. Il-President irringrazzja lill-kumitat organizzattiv immexxi minn Dr. Pascal Demajo, lid-Direttur Ġenerali (Informazzjoni, Gvern Lokali u Konsultazzjoni Pubblika) is-Sur Martin Bugelli u l-ħaddiema tad-DOI u l-Istamperija tal-Gvern li pproduċew katalogu mill-isbaħ bl-informazzjoni kollha fuq l-artisti u l-oġġetti li ser ikunu rkantati. Wera ukoll l-apprezzament tiegħu lill-impjegati ta’ Heritage Malta li ħadu ħsieb sabiex il-wirja tkun ippreżentata b’mod mill-iktar attraenti, kif ukoll lis-Sur Joseph Gauci ta’ Picturehouse tal-Iklin li ħa ħsieb il-frames tal-biċċa l-kbira tal-pittura esebita.
L-esibizzjoni fil-Berġa tal-Italja, fi Strada Merkanti se tkun miftuħa kuljum mit-tmienja sal-ħamsa, barra s-Sibt u l-Ħadd, kif ukoll nhar it-8 ta’ Diċembru (festa pubblika) sa nofsinhar. Dawk li jixtiequ jattendu għall-irkant fil-Palazz ta’ San Anton jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ donazzjoni ta’ 25 Ewro fl-Uffiċini tal-Malta Community Chest Fund fil-Palazz il-Belt Valletta jew fil-Berġa tal-Italja fi Strada Merkanti. Ta’ min jgħid li l-irkant ser isir mis-Sur Joseph Sammut filwaqt li s-serata ser tinkludi ukoll Champange reception. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 99874068 jew jidħol fis-sit: www.maltacommunitychestfund.org