News

Malta Community Chest Fund animated banner

IL-PRESIDENT U S-SINJURA ABELA JĦABBRU L-BALLU T’AWWISSU

(01 July 2009)

‘Il-Community Chest Fund se tieħu ħsieb li żżid fl-attivitajiet matul is-sena u mill-profiti li jħallu nkunu nistgħu nilħqu s-sejħa ta’ dawk li jirrikorru għal dan il-fond filantropiku.’

Dan qalu l-President George Abela waqt it-tnedija ta’ The Ball of the August Moon li se jsir fl-1 t’Awwissu fil-Palazz ta’ Verdala.

Waqt li l-President Abela rringrazzja lill-membri kollha tal-Community Chest Fund, spjega li dan il-fond filantropiku ma jistax jibqa’ jiddependi biss mill-Istrina izda jrid ikollu diversi attivitajiet matul is-sena li jħallu profitti li jkopru t-talbiet ta’ għajnuna li dejjem jiżdiedu matul is-sena.

It-talbiet li llum saru jlaħħqu mat-tlett elef fis-sena, qed ikunu tant kbar li dan il-fond mhux qed ikun biżżejjed biex ilaħħaq mad-domanda ta’ individwi jew soċjetajiet.

Tkellem wkoll dwar l-Istrina, li qed isiru taħditiet biex din is-sena ssir b’differenza.  

Il-Ballu t’Awwissu se jimxi fuq l-istess linji ta’ snin ta’ qabel u minbarra l-banda tal-Forzi Armati din is-sena se jkun hemm ‘The Renzo Spiteri Quintet’ b’akkumpanjament tal-kantata Nadine Axisa.  

Il-President George Abela ħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jattendu biex ma jħallux għall-aħħar peress li dan huwa ballu li jiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna għall-fatt li jsir ġol-Palazz majestuż ta’ Verdala waqt serata li l-qliegħ tagħha jmur kollu għall-karità.